Missjunarju minn pajjiżu
Fr Tony Sciberras mssp
MSSP
Malta
2002
Il-Qaddej ta’ Alla, Ġużeppi De Piro wettaq diversi servizzi fil-Knisja u f’pajjiżna imma żgur li l-ħidma ewlenija tiegħu kienet dik favur il-ħidma missjunarja tal-Knisja. Huwa li twieled fit-2 ta’ Novembru 1877, minn waħda mill-familji l-aktar nobbli ta’ Malta, għad-dell tal-Katidral tal-Imdina, ma baqax magħluq wara s-swar għoljin u ħoxnin ta’ dik il-Belt. Lanqas ma kien kuntent li jiġġerra ma’ pajjizna jagħti s-servizz tiegħu kullfejn kien meħtieġ. Is-sejħa li għamillu l-Missier hu semagħha u għexha bis-sħiħ: hu merah bi ħsiebu, ippjana, ipproġetta u anke poġġa fil-konkret ħidma sħiħa b’risq it-tixrid tal-fidi anke ’l bogħod minn xtutna. Saħansitra ried li jmur hu nnifsu għal żmien fil-missjoni; kienet il-mewt li ħaditu minn fostna ħesrem fis-17 ta’ Settembru 1933 li waqqfitu milli jagħmel dan.
Dan il-ktejjeb jagħti ħjiel tal-ispirtu missjunarju li kellu jbaqbaq ġo fih il-Fundatur tas-Socjetà Missjunarja ta’ San Pawl, Mons De Piro. Bl-ebda mod ma nippretendi li b’dawn il-ftit paġni jien għamilt xi espożizzjoni eżawrjenti ta’ dak li għex u wettaq il-Qaddej ta’ Alla. Min irid jara fid-dettalji l-ħajja ta’ dan il-Malti bħalek u bħali jaqbillu jakkwista u jaqra ż-żewg volumi tal-Hajja ta’ De Piro miktuba b’mod xjentifiku minn Patri Alexander Bonnici OFM Conv. Hawn jien xtaqt biss nagħti ħjiel ta’ fejn jasal minn jesperjenza l-imħabba ta’ Alla f’ħajtu, u sa minn età bikrija.
Fr Tony Sciberras mssp
Jekk in-nobbli kienu jqisuha ħaġa dispreġjattiva li jimpenjaw lilhom infushom fid-dinja tax-xogħol jidher li kienu jqisuha daqshekk ieħor diżonorevoli li lil uliedhom jagħtuhom xi għamla ta’ formazzjoni akkademika. Il-każ tal-familja De Piro kien differenti. Fil-fatt wara li Ġużeppi, li kien is-seba’ tifel, ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fid-dar tal-familja, fl-1888 hu mar il-Liceo, fil-Belt Valletta. Għaddew il-ħames snin ta’ skola sekondarja u ż-żagħżugħ għamel l-eżami tal-Matrikola biex seta’ jidħol l-Università u jibda kors ta’ tliet snin fl-Arti u x-Xjenza. Fl-1897 Ġużeppi ġie aċċettat bħala student regolari fil-kors tal-Liġi. Kien hemm il-ħsieb li dak l-istudju jwasslu biex jilħaq avukat. Imma fil-fatt Ġużeppi ma għamilx ħlief sena skolastika waħda f’dak il-kors.
Fiż-żmien ta’ l-Università, u speċjalment bejn l-1897 u 1898, Ġużeppi jidher li kien qiegħed jieħu bis-serjetà l-għażla ta’ l-istat tiegħu. Skond ma kiteb hu stess, hu kien ħass ix-xewqa għas-saċerdozju sa minn meta kien għadu ċkejken u baqa’ jħossha sa ma kellu xi erbatax –il sena. Missieru kien li ħajru jinsiha u jaħseb fi stat ieħor. Minkejja li t-tentattivi ta’ missieru wasslu lil Ġużeppi biex għal xi snin iwarrab minn moħħu s-saċerdozju, ġie żmien meta hu rega’ beda jħammem fuq il-vokazzjoni tiegħu. Bħalma għamel f’okkażżjonijiet oħra meta kien ikollu quddiemu xi għażla kbira, huwa qabad biċċa karta u fuqha niżżel ir-raġunijiet favur u kontra li jħalli kollox u jaqbad it-triq tas-saċerdozju . Ta’ min iġib hawnhekk dawn ir-raġunijiet kollha, u kif niżżilhom Ġużeppi nnifsu:
1. Il-fatt li ħassejt din il-vokazzjoni minn meta kont tifel sa meta kważi kelli erbatax-il sena.
2. Il-fatt li din il-vokazzjoni ma warrbitx minn quddiemi ħlief għal żmien qasir.
3. Il-fatt li erġajt ħassejtha qawwija fija fil-bidu tas-sajf li għadda, meta ftaħt qalbi dwarha mal-konfessur tiegħi.
4. Il-meditazzjoni fuq il-mewt: inħoss li dan hu l-veru stat li għalih jien ġejt imsejjaħ.
5. Ix-xewqa li ningħata kollni kemm jien ’l Alla wara li hu tant bata għalija, jien li jien midneb.
6. Ix-xewqa li nimxi fit-triq tal-perfezzjoni u b’hekk ma nibzax mill-mewt, anzi nikkunsidraha bħala l-mezz li twassalni għall-vera hena.
7. Il-fatt li qrajt f’Sant’Alfons De Liguori li hu ħareġ mid-dinja ta’ sitta u għoxrin sena, imma ħieni hu min joħrog qabel.
8. Il-fatt li wara riflessjoni, jiena sibt li dan hu l-istat li jaqbel l-aktar man-natural tiegħi.
9. Il-marda ta’ ħija.
10. Il-mewt ta’ missieri.
11. Il-fatt li nħoss li meta niftakar fil-ħafna kontroversji li magħhom iltqajt f’ħajti s’issa, jien inħoss li għandi nkun l-aktar ferħan f’dan l-istat.
12. Fit-8 ta’ Mejju 1898. Wara novena lill-Verġni ta’ Pompei, li fiha jien tlabtha tgħinni nagħraf il-vera rieda ta’ Alla għalija, jien ħassejt il-qawwa li niddeċiedi favur it-tajjeb, favur l-istat saċerdotali.
1. Il-ġibda naturali lejn il-ħajja miżżewġa.
2. U allura l-biża li fil-ħajja tiegħi ċelibi, fil-ġlieda bejn l-ispirtu u l-ġisem, jirbaħ dan ta’ l-aħħar.
Fil-fatt, wara li fit-8 ta’ Mejju 1898 hu kien attenda għas-Supplika tal-Madonna ta’ Pompei, li l-istudenti ta’ l-Università kienu jagħmlu fil-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt, Ġużeppi ħassu ċert li Alla lilu riedu saċerdot. Missieru kien miet f’Jannar ta’ dik l-istess sena (1898). Minħabba f’hekk iż-żagħżugħ qasam ħsibijietu ma’ ommu u wara l-ftehim meħtieġ mal-Isqof Pietru Paċe, iż-żagħżugħ, f’dik l-istess sena, ħalla Malta għal Ruma biex hemm jibda l-istudji tal-Filosofija u t-Teoloġija.
Fis-snin li Ġużeppi għamel Ruma huwa kiteb regolarment, speċjalment lil ommu u lil ħutu. L-istess għamlu dawn lilu. B’xorti tajba dawn l-ittri ġew preservati sewwa kemm mill-Qaddej ta’ Alla kif ukoll minn qrabatu. Hu propju bis-saħħa ta’ dawn il-kitbiet li llum aħna jista’ jkollna informazzjoni dwar iż-żmien li fih Ġużeppi kien Ruma.
Jidher li Ġużeppi min-natural tiegħu xejn ma kien bniedem ta’ nofs kedda. Għall-kuntrarju huwa kien jipprova li dak li jkollu quddiemu jagħmlu mill-aħjar. Kien ukoll bniedem li kapaċi jaħseb fi proġetti kbar. Hekk meta sab lilu nnifsu seminarista fil-Kulleġġ Capranica biex jibda l-istudji tiegħu fl-Università Gregorjana huwa ppjana li jagħmel għaxar snin ta’ studju. Fil-fatt eżattament qabel beda l-istudji tiegħu hu kitbilha hekk lil ommu : “Skond kalkoli li fil-fatt ma jistgħux isiru, jekk jiena ma mmutx, aktarx li jien nkanta l-ewwel quddiesa fi żmien erba’ snin oħra. Ma naħsibx li ser nagħmel aktar minn sentejn Filosofija. Imbagħad, wara sentejn Teoloġija għandhom mnejn iħalluni nkanta l-ewwel quddiesa… Il-kors tat-Teoloġija hu ta’ erba’ snin. Hemm imbagħad dak tal-Ligi Kanonika li hu ta’ tliet snin. Jekk qiegħed nagħmel il-kontijiet tajjeb, sa meta jkolli tletin sena, insib sewwa x’nistudja”.
Fl-istess ħin il-karatteristika tal-proġettazzjoni kienet magħquda bis-sħiħ mad-determinazzjoni li jagħmel kontinwament ir-rieda ta’ Alla. Sitt xhur wara li kien kiteb lil ommu dwar il-pjanijiet tiegħu ta’ studju, waħda minn ħutu, Tereżina, kitbitlu biex tawguralu s-suċċess fl-istudji tiegħu. Ġużeppi kiteb lil ommu u bla tlaqliq qalilha, “Nosserva’l Tereżina biex ma toqgħodx tagħmilli ċerti awguri b’tant serjetà. Hemm awgurju wieħed li jien naċċetta bil-qalb. Dan hu li jien nagħraf tajjeb ir-rieda ta’ Alla, u nagħmilha b’mod perfett. Dan għalija jkun biżżejjed.”
Kienet propju din id-dispożizzjoni u r-rabta tiegħu mal-volontà tal-Mulej li għenet lill-Qaddej ta’ Alla jpoġġi fil-ġenb il-pjan tiegħu ta’ studju u jagħmel kors ferm iqsar milli hu kien ħaseb. Il-mard tant ħabbtu li hu seta’ jagħmel biss sena Filosofja u tliet snin Teoloġija. Wara li spiċċa t-tieni sena Teoloġija hu talab lill-Isqof Paċe biex jagħtih il-possibiltà li jiġi ordnat saċerdot fis-sena ta’ wara. Fil-fatt hu rċieva l-ordinazzjoni saċerdotali, wara li hu kien għamel biss sena Filosofija u ftit inqas minn tliet snin Teoloġija.
Ġużeppi De Piro ġie ordnat saċerdot fil-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran, Ruma, fil-15 ta’ Marzu 1902. Il-ħsieb u x-xewqa tiegħu issa kienu li wara li jlesti dik is-sena skolastika fl-Università Gregorjana hu jirritorna Malta u jibda l-ħidma pastorali tiegħu f’pajjiżna. Imma l-mard li kien laqtu kemm –il darba matul iż-żmien ta’ studju kompla jħabbtu anke fl-aħħar sena tiegħu f’Ruma. Minħabba f’hekk, f’Awissu 1902, hu kellu jmur l-Isvizzera u hemmhekk għadda tmintax -il xahar ta’ mistrieħ. Wara li l-qagħda ta’ saħħtu tjiebet xi ftit hu rritorna Malta fit-2 ta’ Marzu 1904.
Lanqas wara l-Isvizzera ma seta’ Dun Ġużepp jingħata b’ruħu u ġismu għall-pastorali; saħħtu kienet għadha mhix tajba għal kollox. Minħabba f’hekk hu għażel li jmur joqgħod il-Qrendi fejn il-familja tiegħu kellha waħda mid-djar tagħha. F’dan ir-raħal hu kompla jirkupra saħħtu. Fl-istess ħin hu ma qagħadx jitgħażż. Għall-kuntrarju kien hawn li hu beda jagħti l-ewwel sehem tiegħu fil-Knisja Maltija.
Fit-tliet snin li għamel il-Qrendi (1904-1907), De Piro kien ta’ siwi għall- Kappillan ta’ dik il-parroċċa. Huwa kien igħin fl-amministrazzjoni tas-sagramenti, speċjalment il-Qrar. In-nies kienet tfittxu wkoll għall-pariri u anke għall-għajnuna materjali. Jidher ukoll li kien jagħti sehmu bil-predikazzjoni tiegħu. Iżda fil-perijodu li għamel il-Qrendi, il-Qaddej ta’ Alla ħabrek ukoll biex isaħħah il-formazzjoni kontinwata tas-saċerdoti tal-parroċċi tal-qrib. Kien propju għax ġie msejjaħ mill-Arċisqof biex iwettaq ħidma oħra fid-Djoċesi li De Piro ħalla dak ir-raħal tant għażiż għalih.
Għalkemm kontra qalbu, imma bl-insistenza ta’ l-Arċisqof Pietru Paċe, De Piro, fl-1911, aċċetta li jsir Monsinjur tal-Katidral ta’ Malta. Fl-1920 hu ġie anke nominat Dekan ta’ l-istess Kapitlu Metropolitan. Fi żmien il-Qaddej ta’ Alla, il-Monsinjuri kienu obbligati jiltaqgħu darbtejn kuljum, fil-għodu u fil-għaxija, għall-kor, fil-Katidral. Barra minn hekk huma kellhom rwol importanti ħafna fid-Djoċesi; kienu l-korp konsultattiv ta’ l-Arċisqof innifsu. Apparti dan, speċjalment bħala d-Dekan, De Piro kien jirrappreżenta lil sħabu l-Monsinjuri u lill-kumplament tal-kleru f’ħafna organizzazzjonijiet u laqgħat governattivi u soċjali ta’ pajjiżna.
Meta laħaq Arċisqof ta’ Malta, Mawru Caruana għażel lil Mons De Piro segretarju tiegħu. Fit-tliet snin li għamel f’dan is-servizz (1915-1918) huwa wettaq b’responsabbiltà d-doveri tiegħu.
L-1915 kienet waħda mis-snin ta’ l-Ewwel Gwerra Dinjija. F’dan iż-żmien ta’ ħafna taqlib u tensjoni, l-Arċisqof Caruana għażel grupp ta’ qassisin eżemplari biex igħinu s-saċerdoti novelli jgħaddu bil-mod il-mod mill-ħajja tas-Seminarju għal dik pastorali. Il-Qaddej ta’ Alla kien l-ewwel wieħed fil-lista.
Nistgħu ngħidu li l-formazzjoni tas-saċerdoti tal-parroċċi qrib il-Qrendi u dik tal-qassisin żgħażagħ kellhom iħejju lil De Piro biex fl-1918 jilħaq rettur tas-Seminarju Maġġuri fl-Imdina. Għalkemm għal sentejn biss, il-Qaddej ta’ Alla għamel ħiltu kollha biex il-formazzjoni tas-saċerdoti futuri tkun waħda sħiħa. F’rapport li hu għamel għall-Arċisqof fl-aħħar tat-term tiegħu, Mons De Piro dar dawra sewwa ma’ l-aspetti kollha tal-ħajja seminaristika: talab b’insistenza t-titjib ta’ l-ispiritwalità tal-kandidati; fela bir-reqqa s-suġġetti li kienu jiġu mgħallma u talab li jibdew jiġu mogħtija suġġetti ġodda, bħax-xjenzi soċjali… u nsista fuq it-titjib ta’ l-ikel u ta’ l-igiene.
Fl-1922 Mons De Piro għamel anke xi xhur flok il-kappillan tal-Gudja meta dan is-servizz ma nstab ħadd għalih minħabba l-inkwiet li kien inqala’ xi żmien qabel f’dik il-Parroċċa.
Imma l-pastorali li wettaq De Piro f’Malta ma kinitx tieqaf hawn. Fl-istess snin imsemmija fuq, u waqt li kien qiegħed jagħti l-kontributi li ġa rreferejna għalihom, il-Qaddej ta’ Alla kien ukoll direttur ta’ sitt istituti ta’ karità li l-Knisja kellha f’Malta u Għawdex: Fra Diegu, Ħamrun (1907-), San Ġużepp, Santa Venera (1922-), dar għaċ-ċkejknin, Santa Venera (1930-), Ġesu’ Nazzarenu, Żejtun (1922-), San Franġisk ta’ Paola, B’Kara (1927-), u San Ġużepp, Għajnsielem, Għawdex (1925-). Fl-1927 De Piro ħa f’idejh l-Oratorju ta’ B’Kara, ċentru ta’ formazzjoni kristjana ta’ wlied il-poplu. Kienet biss il-mewt, li ġrat fis-17 ta’ Settembru 1933, li waqqfitu milli jkompli jwettaq ħidmietu f’dawn il-postijiet.
Ma setax ikun li bniedem li kien daqshekk dedikat għall-Knisja lokali jingħalaq u jaħseb fiha biss. L-istess għotja tiegħu nnifsu għall-Knisja Maltija ffurmatu biex jara anke ’l bogħod minn xtutna. Terġa’ meta kien għadu Ruma jistudja, Ġużeppi De Piro kien qiegħed jara jixxettlu fl-Italja u pajjiżi oħra Ewropej, diversi istituti missjunarji. Ma’ dan ma nistgħux ninsew li fiż-żmien tiegħu bħala seminarista, u fl-ewwel snin tas- saċerdozju, il-Qaddej ta’ Alla kien qiegħed bla dubju jiġi nfluwenzat mill-Maġisteru tal-Knisja, speċjalment mill-Papiet, li kollha kienu jagħmlu ħilithom biex ikabbru l-ispirtu missjunarju fost l-insara. Il-Mulej inqeda b’dan kollu biex f’De Piro jiżra, inibbet u jkabbar il-kariżma tal-fundazzjoni ta’ istitut ġdid.
Meta wieħed jagħmel referenza għall-ewwel paġna tad-Djarju ta’ De Piro, wieħed isib li dan is-saċerdot kien ilu jaħseb u jixxennaq li jmur joqgħod fl-Isititut ta’ San Ġużepp, f’Santa Venera “… sa mill-ewwel sena tiegħi fil-Kulleġġ (Capranica).” Imma b’diżappunt għalih, meta hu rritorna Malta minn Ruma għall-ewwel vaganzi tiegħu tas-sajf, hu sab li Bonniċi, li miegħu kellu kuntatt Ġużeppi, kien ħalla l-Istitut. Minfloku sab lil Dun Manwel Vassallo u lil Dun Ġorġ Buġeja. Għalkemm is-seminarista De Piro ma kienx familjari ma’ dawn iż-żewġ qassisin hu xorta waħda mar iżurhom fl-Istitut. Hu anke kompla l-kuntatt magħhom meta rritorna Ruma għall-istudji tiegħu.
Il-ħsieb li jmur joqgħod San Ġużepp kien qawwi f’moħħu. Fil-fatt waqt li kien qiegħed jattendi l-irtir tal-bidu tas-sena skolastika 1901-1902, Ġużeppi niżżel bil-miktub ir-raġunijiet favur u kontra li hu jmur igħix fid-Dar ta’ San Ġużepp. Fid-Djarju hu qal x’kienet waħda mir-raġunijiet għaliex kellu jmur f’dak l-Istitut: “…ħsieb intern igħidli li Alla minn dan l-Istitut jista’ jrid li jibda f’Malta Kongregazzjoni ta’ saċerdoti taħt il-patroċinju ta’ San Pawl u din wara li tkun ġiet stabbilita Malta titwaqqaf anke barra.”
De Piro jgħid li hu kompla jżomm kuntatt ma’ Dun Manwel Vassallo. Fil-fatt fit-tieni vaganzi tas-sajf, wara s-sena skolastika 1899-1900, hu reġa mar jarah fl-Isititut ta’ San Ġużepp. Din id-darba s-seminarista Ġużeppi tkellem ma’ Vassallo dwar ix-xewqa tiegħu li jmur igħix hu wkoll fid-Dar ta’ San Ġużepp. Interessanti dak li niżżel il-Qaddej ta’ Alla dwar din l-laqgħa: “Matul il-vaganzi tas-sajf jien qsamt ma’ Vassallo x-xewqa tiegħi li nagħmillu kumpanija fid-Dar ta’ San Ġużepp. Hu (bħal Patri Sammut li jien kont mort nara fil-Kulleġġ Pennisi, f’Acireale), tani l-parir li l-ewwel nispiċċa l-istudji u mbagħad wieħed kellu jara. Hawn ninnota li mingħajr ma jien kont għedtlu xejn dwar ir-raġunijiet għalfejn jien ridt immur San Ġużepp, hu żied igħidli, ‘Jista’ jkun li inti għad tkun il-kawża li f’Malta titwaqqaf il-Kongregazzjoni tas-Saċerdoti.’ Minn dak in-nhar jien ma tkellimtx aktar dwar din il-ħaġa.”
Fl-istess ħin ġo fih innifsu De Piro ma waqafx jaħseb dwar li jmur fl-Istitut. Fil-fatt fiż-żewġ irtiri li għamel qabel is-suddjakonat u d-djakonat, hu ħaseb ħafna dwar id-Dar ta’ San Ġużepp. Terġa’ fl-irtir li kien isir fil-bidu ta’ kull sena skolastika u li Ġużeppi għamel fl-1901 hu niżżel bil-miktub ir-raġunijiet favur u kontra li jmur joqgħod San Ġużepp. Igħid ukoll li bl-għajnuna ta’ Patri Gualandi SJ hu ddeċieda li wara l-istudji hu jmur l-Istitut…dejjem s’intendi wara li jaqla’ l-permess ta’ l-Isqof. Padre Gualandi qallu wkoll li kellu jħalli barra t-twaqqif tal-Kongregazzjoni bħala raġuni ghax hu kellu jmur San Ġużepp.
F’dan l-istess żmien iż-żagħżugħ Ġużeppi kellu għażla oħra x’jagħmel. Din, għalkemm differenti minn dik ta’ San Ġużepp imma fl-istess ħin kellha ħafna konnessjoni magħha. Il-President ta’ l-Accademia dei Nobili, f’Ruma, kien mar għand Mons Coselli, Rettur tal-Capranica, u talbu jgħid lil De Piro biex imur l-Accademia u jkompli l-istudji tiegħu hemmhekk. Wara li Mons Coselli wera lil De Piro bix-xewqa tal-President tal-Accademia, De Piro malajr qallu li l-ħsieb tiegħu kien li wara li jispiċċa l-istudji hu jirritorna Malta. Allura ma kienx hemm għalfejn li hu jħalli l-Capranica u jmur l-Accademia.
Fil-11 ta’ Diċembru 1901 is-Suddjaknu Ġużeppi beda l-irtir tad-djakonat. Hawn ħa bis-serjetà l-għażla tiegħu dwar fejn kellu jmur wara li jispiċċa l-istudji tiegħu f’Ruma. Meta qies ir-raġunijiet favur u kontra l-Accademia jew San Ġużepp hu kkonkluda li kellu jagħżel dak ta’ l-aħħar.
Wara li ġie ordnat saċerdot u ġie Malta biex jiċċelebra l-ewwel quddiesa sollenni tiegħu, hu rritorna Ruma u mar għand il-President ta’ l-Accademia biex jagħtih biljett li kien bagħatlu l-Arċisqof ta’ Malta, Mons Pace. Lill-President, De Piro tennielu ċar u tond li wara l-istudji tiegħu hu kien għadu tal-fehma li jirritorna Malta u jaħdem fl-Arċidjoċesi. Qallu wkoll li kellu jikteb lill-Arċisqof Paċe. Fil-fatt hu kiteb lill-Eċċellenza Tiegħu u tah ir-raġunijiet għaliex ma xtaqx imur l-Accademia. Fl-istess ħin hu ddikjara li kien pront li jobdi. Paċe irrispondieh billi qallu li hu ma kienx ser jisfurzah għall-Accademia.
F’Lulju 1902 il-qassis novell Ġużeppi De Piro spiċċa definittivament mill-istudji tiegħu fil-Gregoriana. Sfortunatament dan kien iż-żmien meta reġa ħassu ma jiflaħx. Il-kliem li kiteb f’dan iż-żmien hu ta’ min iġibu hawnhekk: “Fl-10 ta’ Lulju (1902) ħassejtni ma niflaħx u għat-tieni darba (l-ewwel darba kienet fid-19 ta’ Lulju 1900) rajt itiru mar-riħ l-intenzjonijiet tajba tiegħi kollha. Fiat! Il-Mulej iħares lejn ir-rieda tajba. It-tabib iddikjara li l-marda kienet effett ta’ tuberkolosi pulmonari. Allura jien abbandunajt l-istudji, mort Malta, u wara ftit tlaqt lejn l-Isvizzera biex nieħu l-kura ta’ l-arja tajba. Wara li wasalt Davos fil-festa ta’ San Duminku, 4 ta’ Awissu 1902, bl-għajnuna ta’ Alla u ta’ Ommi Marija, jien bdejt inħossni ġej għall-aħjar.”
Daqshekk ieħor kien qawwi l-kliem li kiteb fid-Djarju mmedjatament wara: “Waqt iż-żmien tal-kura jien bqajt ngħożż l-ideat li issa kienu bdew isiru antiki. Imma qalb is-silg ta’ l-Alpi, ‘il bogħod mill-pajjiż fejn jien kelli l-ħsieb li npoġġihom fil-prattika, jien ma kien baqagħli xejn aktar għajr it-talb, l-aqwa kumpanija tiegħi, u tlabt, tlabt, u tlabt.”
Dun Ġużepp irritorna Malta mill-Isvizzera fit-2 ta’ Marzu 1904. Biex ikompli jieħu saħħtu hu mar joqgħod f’waħda mid-djar tal-familja, dik tal-Qrendi. Fid-9 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara hu mar għall-irtir tiegħu f’San Kalċidonju, il-Furjana. Hemm iltaqa’ ma’ Patri Ferrara SJ. Lil dan hu staqsieh jekk kellux juri lil Dun Manwel Vassallo bil-pjan tiegħu. Ferrara rrispondieh fl-affermattiv. De Piro allura ltaqa’ ma’ Vassallo il-Belt Valletta nhar is-16 ta’ Jannar 1905. F’din id-diskursata sabu li huma kienu ta’ l-istess idea. Meta De Piro kien qiegħed iniżżel dan kollu fid-Djarju hu rrimarka wkoll li waqt li hu u Vassallo kienu mexjin flimkien il-Belt wieħed tallab mar jitlobhom il-karità. Wara li huma tawh xi ħaga dan it-tallab awguralhom l-għajnuna ta’ San Pawl, tislima li skond De Piro ma kinitx soltu tingħata.
Għal xi żmien De Piro u Vassallo ma tkellmux aktar fuq il-biċċa tal-Kongregazzjoni tal-qassisin. Imma billi Patri Ferrara nkoraġġixxa lil De Piro biex jerġa jibda d-diskors ma’ Vassallo, il-Qaddej ta’ Alla, fil-11 ta’ Frar 1905, mar ifittex lil sieħbu, is-Seminarju. Vassallo talab lil De Piro biex ipoġġi bil-miktub il-pjan tiegħu. De Piro ttanta jagħmel kif qallu Vassallo kemm –il darba imma qatt ma rnexxielu. Fl-aħħar, fis-7 ta’ Awissu 1905, Dun Ġużepp ippreżenta l-proġett tiegħu bil-miktub. Hawn De Piro wera li l-ħsieb tiegħu kien dwar soċjetà missjunarja.
Fil-waqt li kien qed jirrekordja fid-Djarju tiegħu x’ġara bejnu u Vassallo fil-laqgħa li għadna kif semmejna, De Piro jidher li għall-ewwel ma kienx ħass il-bżonn li jelabora fit-tul dwar f’hiex kienet tikkonsisiti “l-idea” tiegħu. Qal biss li ppreżenta lil Vassallo “l-idea miktuba.” Imma meta wasal fi tmiem is-sena 1905 jidher li ħass li kellu jispeċifika aktar dwar dak li kien kiteb qabel. Fil-fatt fejn il-kelma “idea” hu għamel asterisk u fl-aħħar tas-sena 1905 niżżel tmien speċifikazzjonijiet:
1. “Soċjetà ta’ missjunarji – fil-preżent hu diffiċli ngħid jekk din tkunx regolari jew sekulari, imma jekk bl-għajnuna ta’ Alla u tal-Verġni tasal biex tkun approvata bħala korp regolari, din trid tkun eżattament hekk u trid issib il-mod u l-mezzi kif tgħaqqad magħha l-Kleru Sekulari.
2. L-iskop prinċipali, kif jindika l-isem tas-Soċjetà, jikkonsisiti fil-Missjonijiet ta’ barra.
3. Xogħlijiet oħra li jiġu wara jistgħu jkunu: (a) Id-Dar ta’ San Ġużepp, (b) il-kolonji tal-Maltin ta’ barra, u (ċ) fuq il-vapuri.
4. Nafda s-Soċjetà fil-patroċinju validu ta’ San Pawl li minnu tieħu l-isem.
5. Għalissa ma jsirux voti jew ġuramenti, imma jeħtieġ inkunu lesti li nwettqu l-volontà divina bl-akbar ġenerożità. Il-kelma tal-qaddis tagħna jeħtieġ tkun, “Niġi warajk kulfejn tmur.”
6. Isiru kull sena l-eżerċizzi ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola.
7. Niltaqgħu almenu darba fix-xahar.
8. Nibdew inwaqqfu kapital b’kontribuzzjonijiet mensili.”
Wara dan kollu l-Qaddej ta’ Alla ħass li ż-żmien ghat-twaqqif tas-Soċjetà kien wasal. Beda billi fittex saċerdoti oħrajn u magħhom qasam il-ħsibijiet tiegħu. Diversi wrewh mill-bidu li ma kinux interessati fil-proġett tiegħu. Oħrajn għall-ewwel tħajru imma wara ftit ħallewh ukoll. Donnu li Mons Bonniċi kien qiegħed jingħata raġun: “Il-qassis Malti hu marbut wisq ma’ pajjiżu.”
Kienu biss tnejn li tawh x'jittama ... u x'jittama biss! Dun Ġorġ Buġeja, ta' San Ġużepp, u d-Djaknu Ġwanni Mamo. Kellu jkun wieħed barrani, Mons Pietro La Fontaine, li wieżnu bis-sħiħ.
La Fontaine kien ġie Malta bħala Viżitatur Apostoliku. Fit-2 ta' Novembru 1909 hu mar jara l-Istitut Fra Diegu, il-Ħamrun, fejn De Piro kien id-Direttur. Dan ta’ l-aħħar ħa l-opportunità u waqqa' d-diskors "... fuq il-faċenda tal-Missjonijiet ta' barra." Mons La Fontaine apprezza bosta l-proġett u ħeġġeġ lil De Piro biex iniżżel bil-miktub il-pjan tiegħu ħalli l-Viżitatur jippreżenta l-kitba lill-Papa. Fil-fatt De Piro għamel dan waqt li talab lil Buġeja u Mamo biex jiffirmawha. Talab ukoll lill-Arċisqof Paċe biex jikteb ir-rakkomandazzjoni tiegħu. Wara dan għadda kollox lil La Fontaine.
Għall-kuraġġ kultant kien jidher xaqq dawl. Fil-fatt b’relazzjoni mas-Socjetà s-sena 1910 bdiet ghal De Piro b'barka mill-Papa Piju X, imwassla lill-Qaddej ta' Alla minn La Fontaine f'ittra li dan ta’ l-aħħar kitiblu. Ovvjament Dun Ġużepp seta’ jibqa’ jippjana b'aktar kuraġġ, tant li f'Ġunju ta’ wara flimkien ma’ Buġeja u Mamo kiteb lill-Arċisqof dwar ix-xewqa li tinfetaħ dar biex il-membri tas-Socjetà jkunu jistgħu jżommuha bħala r-residenza tagħhom. Interessanti għall-aħħar l-indirizz li bih De Piro laqa’ lill-Arċisqof Pace fit-12 ta’ Ġunju 1910, dak in-nhar tal-ftuħ tad-Dar: "Aħna, illum, inħossu faraġ kbir, u fl-istess ħin kważi nistħu nersqu lejk, Eċċellenza Reverendissima, biex nitolbuk tkerkilna din id-dar, u tiddikjaraha miftuħa. Din id-Dar Ċkejkna ta' San Pawl sejra sservi biex fiha jgħammru dawk li jkunu membri ta’ Socjetà Reliġjuża li għandha bħala għan li tifforma l-missjunarji …".
Id-Dar, issa miftuħa, laqgħet l-ewwel żewġ membri fit-30 ta’ l-istess xahar, Ġunju 1910: Ġiovanni Vella għal saċerdot u Ġużeppi Caruana għal lay brother.
Il-Barka li bagħatlu fl-1910 il-Papa Piju X u l-ftuħ tad-Dar Ċkejkna ta’ San Pawl fl-Imdina għenu lil De Piro biex jieħu nifs qawwi u jħares ’l quddiem bit-tama. Imma jekk qabel is-sena 1910 hu kellu jiffaċċja ħafna diffikultajiet l-istess kellu jagħmel wara t-twaqqif tas-Soċjetà. Anzi aktar! Dwar dan kitiblu b'mod ċar La Fontaine: "L-aħbar tal-bidu ta’ l-opra missjunarja u tal-barka ta’ Mons Arċisqof lili mlietni b’ferħ tassew. Alla jkun imbierek wisq iżjed għax inti xebbaħt il-bidu ta’ l-opra mad-dehra tiegħu fid-dinja. Betlem hi dejjem mimlija bis-seher. B'din l-umilta' qaddisa, mhux possibli li d-Dar Ċkejkna ta’ San Pawl ma tikbirx. Nafuha tajjeb. Jista’ jkun hemm il-ħarba fl-Egittu. Min jaf? Forsi jkun hemm anke l-Kalvarju ... " Fil-fatt hekk żviluppat l-istorja! U sa mill-bidu tagħha!
Buġeja u Mamo ddeċidew li jħallu lil De Piro waħdu. Hu veru li minn dan ħareġ ċar li allura De Piro kellu jiġi meqjus bħala l-Fundatur tas-Soċjetà ta’ San Pawl. Fl-istess ħin, imma, dan fisser ukoll li hu ma kien baqagħlu lil ħadd li seta’ jgħinu jippjana. Ġie assolutament waħdu.
Sa minn qabel il-bidu tas-Socjetà, De Piro kien qiegħed jipprova jesponi ħsibijietu ma’ saċerdoti oħrajn. Dan kien qed jagħmlu biex huma jtuh l-ideat tagħhom; mhux darba u tnejn li wera li hu kien jemmen f'dan it-tip ta’ djalogu u jqisu bħala mezz għall-għarfien tar-rieda ta’ Alla għalih. Iżda hu kien jitkellem ma’ saċerdoti oħrajn ukoll biex iħajjarhom jingħaqdu miegħu. L-istess tentattivi għamel wara l-bidu tas-Socjeta' għall-kisba tal-vokazzjonijiet. Ċertament Soċjeta' ġdida toħloq suspetti u mhux la kemm tħajjar iż-żgħażagħ għaliha. Din ġa kienet problema għall-Fundatur. Imma l-problema kienet tikber għax fl-istess ħin li ftit bdew jingħaqdu miegħu ġara wkoll li xi wħud mill-membri bdew iħalluh wara ftit. Kien hemm il-każ fejn hu anke beda jimtela bit-tama għax kien ser ikollu l-ewwel saċerdot. Dan, iżda, wara ftit li qaddes ħallieh.
Meta ż-żgħażagħ kienu jingħaqdu mas-Soċjeta' dawn kienu jridu x’jieklu, x’jilbsu u fejn joqogħdu. Kellhom ħtiġijiet oħra tal-ħajja ta’ kuljum. Diversi mill-familji li minnhom kienu ġejjin dawn il-membri mhux talli ma kinux jistgħu jgħinuhom imma kellhom bżonn l-għajnuna huma. De Piro xejn ma kien jitfixkel quddiem din id-diffikulta'; hu kien jagħmel tajjeb għall-ħajja tal-membri. Ma’ dan wieħed igħid ukoll li l-Qaddej ta’ Alla kien igħin lil xi qraba.
Ma tistax tintesa l-formazzjoni akkademika. Altru li s-Socjeta' ma kinitx preparata biex tagħti hi nnifisha din l-għajnuna tant meħtieġa għall-formazzjoni tal-membri! Għal darba oħra dak li fid-dar ta’ ommu ma kien jonqsu xejn ried joqgħod jitkarrab ’l hawn u ’l hinn biex isib min jista’ jgħinu f’dan.
Għax is-Socjetà kienet waħda reliġjuża, barra l-iskola, kienet meħtieġa l-formazzjoni għal dan l-istat ta’ ħajja. Il-Fundatur kien kontinwament imħabbat b’bosta responsabbiltajiet mogħtija lilu mill-Arċisqof. Dawn kienu jokkupawlu ħafna mill-ħin tal-ġurnata u kienu jżommuh ’il bogħod għal ħinijiet twal mill-ulied spiritwali tiegħu. Apparti dan kollu, hu ma kienx reliġjuż u allura kien diffiċli għalih li jgħinhom fil-formazzjoni reliġjuża tagħhom. Mill-ġdid De Piro kellu jfittex lil ħaddieħor biex jgħinu.
Iżda żgur li l-akbar uġigħ ta’ ras kienet kaġunata milli l-iskop ewlieni tas-Soċjeta' jiftiehem u jiġi aċċettat speċjalment mill-awtoritajiet Vatikani. Sa mill-ewwel abbozz ta’ regolamenti li l-Qaddej ta’ Alla fassal fl-1914 hu wera ċar li l-għan prinċipali tas-Soċjeta' tiegħu kien il-ħidma missjunarja f’pajjiżi ad gentes. Dan kompla jurih kull darba li ppreżenta s-Soċjetà. Iżda hu fatt ukoll li speċjalment kemm dam segretarju tal-Arċisqof, hu mtela bl-entużjażmu biex jgħin lill-"Maltin imbegħda minn art twelidhom". Fil-fatt meta kien isemmi l-ħidma ad gentes hu kull darba kien iżid magħha l-ħidma fost l-emigranti Maltin.
Kull darba li kien isemmi l-missjonijiet ta’ barra bħala l-iskop ewlieni tas-Soċjeta’ tiegħu, De Piro kien iżid ukoll xi kliem bħal ngħidu aħna, “… l-ewwel u qabel kollox għall-Maltin imbegħda minn pajjiżhom”. Il-Qaddej ta’ Alla nnifsu spjega għaliex kien jirreferi għall-Maltin ta’ barra; kellu l-ħsieb li l-membri tas-Soċjetà jibdew billi jmorru fost ħuthom emigranti u meta jidraw jitbegħdu minn pajjiżna imbagħad jibdew jaslu anke sa pajjiżi ad gentes : it-tieni għan, jew il-ħidma fost il-Maltin emigrati, kellu jitħaddem b’risq l-ewwel skop, ix-xandir tal-Bxara t-Tajba f’pajjiżi li kienu għadhom mhux evanġelizzati.
Ġa għedna li meta fis-17 ta’ Awissu 1905 Dun Ġużepp De Piro mar għand Mons Bonniċi u qallu bil-pjan tiegħu, Bonniċi qallu li l-qassis Malti ma jiċċaqlaqx malajr minn pajjiżu. De Piro kien jirrispettah ħafna lil Mons Bonniċi u allura jekk Dun Ġużepp kien bniedem li jagħti każ kliem ħaddieħor, dak ta’ Bonniċi ta kasu aktar u aktar. Fl-istess ħin hu kien determinat li jagħti bidu għas-Soċjetà li tant kien ilu joħlom biha. Quddiem il-kliem ta’ Bonniċi u d-determinazzjoni tiegħu rigward it-twaqqif tas-Soċjetà, il-Qaddej ta’ Alla fehem li kellu jimxi gradwalment, pass wara pass. Biex seta’ jasal xi darba jsib żgħażagħ għall-missjoni ad gentes hu kien jeħtieġlu li l-ewwel jibda jibgħat il-membri f’pajjiżi li għalkemm ma kinux Malta imma kien fihom il-Maltin. Meta l-membri tas-Soċjetà jidraw joħorġu barra minn pajjiżna imbagħad il-Fundatur jibda jħajjarhom imorru f’artijiet ad gentes.
Minn ċerti dokumenti li għandna fl-Arkivji tagħna, hawn Sant’Agata, jidher li kellu jasal id-9 ta’ Settembru 1914 biex il-Fundatur jagħmel l-ewwel kuntatti ma’ xi emigranti jew mal-kappillani tagħhom. Imma materjal ieħor juri b’mod l-aktar ċar li l-Maltin ta’ barra kienu fil-moħħ u l-qalb ta’ De Piro anke qabel. Fid-Djarju tiegħu Dun Ġużepp jikteb li fit-2 ta’ Novembru 1909 mar iżur l-Istitut ta’ Fra Diegu, Mons Pietru La Fontaine, Viżitatur Apostoliku. De Piro, Direttur ta’ dak l-Istitut, ċertament tkellem ma’ dan id-Delegat tal-Papa fuq dak l-Istitut. Imma skond id-Djarju hu ġab id-diskors ukoll fuq, “… il-faċenda tal-missjonijiet ta’ barra…”. Mid-Djarju ma nafux x’ingħad aktar. Li nafu hu li fis-27 ta’ Jannar ta’ wara (1910) La Fontaine bagħat ittra lil De Piro u fiha, wara li qallu li l-Papa kien qed jibgħatlu l-Barka Apostolika tiegħu, qallu wkoll : “Jidhirli li l-opra għandha tiġi maħduma fuq dik ta’ Mons Coccolo għall-emigranti Taljani. Tkun ħaġa tajba jekk inti tiftiehem ma’ Patri Vella sj li, minħabba li ilu żmien twil fost il-Maltin tal-Greċja, jista’ jagħtik pariri siewja”. Dun Ġużepp irrisponda lil La Fontaine kważi xahar wara, fil-21 ta’ Frar. F’din l-ittra De Piro fl-ebda mument u bl-ebda mod ma kkoreġa lill-Viżitatur Apostoliku dwar il-ħidma tas-Soċjetà futura. La Fontaine reġa kiteb lill-Qaddej ta’ Alla fit-30 ta’ Gunju 1910. F’din l-ittra ħeġġu biex jimxi ’l quddiem bil-kuraġġ. Igħidlu wkoll li, “Il-Maltin twajbin u li jinsabu ’l bogħod minn arthom għad ikollhom għajnuna kbira minnkom”. La Fontaine rega’ kiteb lil De Piro fid-9 ta’ Gunju 1911. Din ma kinitx għajr kopja t’ittra li l-Vizitatur bagħat lil ċertu Mons Bressan ħalli dan ta’ l-aħħar jirranġa biex tintbagħat il-Barka tal-Papa lil De Piro u lis-Socjetà tiegħu. Hawnhekk La Fontaine jirreferi għas-Soċjetà bħala dik magħmula minn, “… saċerdoti u katekisti, u li għandha l-iskop li tkun dedikata għall-kultura speċjali tal-kolonji kbar tal-Maltin f’Korfù u Tripli”.
Fl-istess snin imsemmija fuq, De Piro ħabrek biex jibda, s-Socjetà tiegħu. Meta beda jfittex il-vokazzjonijiet il-Qaddej ta’ Alla ma sabx għajr lil Dun Ġorġ Buġeja u d-Djaknu Ġwanni Mamo. Fil-15 ta’ Novembru 1909 De Piro u dawn it-tnejn kitbu ittra lill-Papa u bagħtuhielu permezz ta’ La Fontaine. Fiha tkellmu minn soċjetà reliġjuża li l-iskop tagħha kien, “… il-formazzjoni tal-missjunarji, l-ewwel u qabel kollox għall-kolonji tal-Maltin ta’ barra”. Fis-6 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara (1910) dawn it-tlieta saħansitra talbu lill-Arcisqof ta’ Malta, Mons Pietru Paċe, il-permess biex jistgħu jiftħu, “… dar li setgħet isservi ta’ residenza għall-membri ta’ soċjetà reliġjuża li l-iskop tagħha hu l-formazzjoni ta’ missjunarji, partikularment u l-ewwel u qabel kollox għall-kolonji tal-Maltin ta’ barra”. Sitt ijiem wara, fid-diskors tal-ftuħ tad-dar, De Piro jirrepeti l-istess għan lill-Arċisqof u lil dawk preżenti : “Inħossuna minn banda kkunslati u mill-banda l-oħra konfużi waqt li qegħdin nindirizzawk u nitolbuk tbierek u tiddikjara miftuħa din ‘id-Dar Ċkejkna ta’ San Pawl’ li għandha sservi bħala residenza għall-membri ta’ Soċjetà Reliġjuża li l-iskop tagħha hu li tifforma Missjunarji, partikolarment u l-ewwel u qabel kollox għall-kolonji tal-Maltin ta’ barra”. Meta fit-30 ta’ Ġunju 1914, De Piro talab il-permess biex il-membri jibdew jilbsu s-suttana tas-Soċjetà, huwa bagħat kopja ta’ l-ewwel regoli ta’ l-Istitut tiegħu. In-numru 2 ta’ dawn ir-regolamenti kien jittratta l-iskop. Anke hawn il-Fundatur reġa kien għal darba oħra ċar dwar l-għan tal-Kongregazzjoni tiegħu : “L-iskop tal-Kumpanija Ċkejkna għandu jkun li jgħin dawk il-popli neqsin minn ħaddiema evanġeliċi, partikolarment u l-ewwel u qabel kollox għall-Maltin imbegħda minn pajjiżhom…”.
Din ix-xewqa li jgħin lill-Maltin ta’ barra aktarx li kienet teżisti f’De Piro minħabba li fil-bidu tas-seklu għoxrin hu kien qed jara diversi Maltin iħallu pajjiżna u jfittxu għalihom u għall-familji tagħhom qagħda aħjar f’pajjiżi oħrajn. Imbagħad xi ittra li kien jirċievi, kienet tkompli tixgħel il-ħeġġa tiegħu biex iwieżen lil ħutna li kienu jgħixu ’l bogħod minn artna. Ċertu J. Fenech kitiblu fid-9 ta’ Settembru 1914, minn San Francisco, fl-Amerika, u wara li ndirizzah bħala, “… l-benefattur mhux tal-Maltin ta’ Malta biss imma tal-Maltin ukoll kollha li hawn imxerrdin mad-dinja”, radd ħajr lill-Qaddej ta’ Alla għal dak kollu li kien għamel biex il-Maltin ta’ California setgħu jkollhom saċerdot.
F’Marzu 1915 Mons De Piro ġie magħżul segretarju ta’ l-Arċisqof Mawru Caruana. Dam iwettaq dan is-servizz sa l-1918. F’din il-ħidma l-Qaddej ta’ Alla kellu jittratta ħafna korrispondenza, fost l-oħrajn dik li kienet tintbagħat minn xi emigranti jew minn xi qassisin li kienu jwettqu l-ministeru saċerdotali fosthom. Dawn il-kitbiet m’ għamlux għajr komplew jallarmaw lill-Qaddej ta’ Alla dwar il-qagħda ħażina li fiha kienu jinsabu diversi emigranti Maltin. Fost l-oħrajn kitiblu ċertu Fr William Bonett minn Sydney, fl-Awstralja, u tkarrab miegħu biex jitkellem ma’ xi qassisin, speċjalment man-novelli, u jħajjarhom imorru l-Awstralja. Il-Fundatur irrispondieh fis-17 ta’ Novembru 1916. Fost l-oħrajn qallu hekk : “Fil-quddiesa tiegħek tinsiex tiftakar f’dan l-Istitut tagħna li qiegħed jitwieled: l-Istitut li twaqqaf għall-Missjonijiet ta’ Barra. Għad jasal iż-żmien li l-Mulej idewwaqna ftit frott li jkun l-effett ta’ tant ħidma u sagrifiċċji li qegħdin nagħmlu… Għad jasal iż-żmien li mmiddu riġlejna anke fl-Awstralja. Imma emminni wkoll li bħalissa, għalkemm l-opra hi ċkejkna, ix-xogħol hu iebes, u jeħtieġ li nitħarreġ ħafna fil-paċenzja. Għalhekk għinna bit-talb tiegħek, u, forsi, għad ġurnata tara jissieħeb miegħek xi missjunarju ċkejken mis-Soċjeta’ Ċkejkna ta’ San Pawl”.
Interessanti li fl-istess ittra ta’ De Piro lil Bonett, il-Fundatur donnu jikkonferma dak li kien qallu Mons Bonnici ħdax-il sena qabel dwar is-saċerdot Malti. Il-Qaddej ta’ Alla jiktiblu hekk lil dan is-saċerdot fl-Awstralja : “Int li’l Malta tafha daqsna, taf tajjeb li l-ispirtu missjunarju hu limitat wisq fostna”.
Fis-sena 1922 il-Qaddej ta’ Alla wera li l-imħabba tiegħu lejn l-emigranti Maltin ma kinitx tissarraf biss fil-korrispondenza li kellu ma’ l-emigranti nnifishom jew mal-kappillani tagħhom. Lanqas ma kienet tieqaf imħabbtu għalihom fit-tħabrik tiegħu biex isib xi saċerdot li jmur fosthom. F’dik is-sena hu nnifsu mar ma’ oħrajn f’Tunes u hemmhekk għadda ftit tal-ġranet jaqdi lill-Maltin bil-pastorali li kienu jeħtieġu.
Fl-1927 ċertu Parti Anġelo Mizzi, missjunarju Kapuċċin fl-Abbissinja, ippublika ktejjeb bl-isem ta’ Malta Missjunarja. F’dan il-ktieb ċkejken Mizzi ppreżenta lil Malta bħala pajjiż nisrani li kien igħix verament ir-responsabbiltà missjunarja tiegħu. Għaxar snin wara li ħareg dan il-ktejjeb l-istess Parti Anġ kiteb xogħol ferm itwal, magħmul minn żewġ volumi, L’Apostolato Maltese nei Secoli Passati. F’parti minn dan it-tieni xogħol tiegħu dan il-Kapuċċin spjega għaliex fil-ktejjeb tiegħu hu kien irrefera għal Malta bħala missjunarja: “Fil-qalb tal-Maltin dejjem hemm post għal dawk il-bnedmin oħra li jgħixu ’l bogħod u qed ibatu b’xi mod jew ieħor.” Mizzi pprova dan billi għamel analisi tal-attività missjunarja li titwettaq mill-Maltin, (1) kemm hawn Malta stess, kif ukoll (2) ’il bogħod minn pajjiżna.
F’din l-ewwel parti Patri Mizzi pprova jpoġġi waħda wara l-oħra l-attivitajiet diversi li kienu jwettqu l-lajċi Maltin biex bihom igħinu lill-missjonijiet.
Fl-ewwel post Patri Anġ semma l-fatt li l-Maltin kienu dejjem ġenerużi ħafna f’ li jibagħtu l-flus fil-pajjiżi missjunarji. Huwa qal li meta analizza l-Annali ta’ Propaganda Fidei hu sab li, “Fir-rapport li joħrog ta’ kull sena aħna ninnutaw il-post prominenti li tgawdi Malta fl-għoti ta’ karità. U meta wieħed jikkunsidra l-kobor tal-popolazzjoni wieħed jirrealizza li allura Malta qegħda aktar u aktar fuq quddiem. Meta wieħed jikkunsidra l-perċentwali wieħed malajr jikkonkludi li Malta tiġi l-ewwel għall-ġenerożità tagħha.”
Meta l-għajnuna finanzjarja ma kinitx dejjem possibli li tkun provduta mill-Maltin, allura n-nisa b’mod speċjali, kienu jħejju lbiesi għan-nies foqra tal-pajjiżi missjunarji. Dawn in-nisa kienu jħejju wkoll l-abiti sagri għall-knejjes ta’ l-istess pajjiżi fqar.
Patri Anġ semma wkoll il-kitba ta’ artikli missjunarji. Il-magħruf Alfons Maria Galea kien konoxxut ħafna għal inizjattiva bħal din. Fl-1894 hu kien beda jippublika l-Annali li ġa ssemmew. Mizzi semma wkoll li “Kważi kull publikazzjoni kienet lesta li tippublika u xxandar b’ġenerożità kbira l-aħbarijiet u l-appelli b’risq il-missjonijiet ta’ barra. Hu rari ħafna li ssib perjodiċi li ma jikkoperawx b’dan il-mod.”
Fl-aħħarnett Patri Anġ semma t-talb li kien isir kontinwament għall-bżonnijiet tal-missjonijiet.
F’parti oħra Mizzi semma l-missjunarji Maltin li kienu jaħdmu f’pajjiżi barranin. Fil-waqt li hu kompla jispjega x’ried igħid meta sejjaħ lil Malta bħala missjunarja, huwa kien espliċitu ħafna: “Malta missjunarja, għal dak li hu n-numru tal-missjunarji tagħha, jistħoqqilha post prominenti fl-Annali ta’ Propaganda Fidei.”
Imma Parti Anġ ma kienx kuntent b’dan biss. Fit-tieni volum ta’ L’Apostolato Maltese Nei Secoli Passati hu għamel riferiment għal artiklu li kien kiteb l-Onorevoli Egilberto Martire fl-Illustazione Italiana, ta’ Ottubru 1934. Martire wara li qabbel in-numru ta’ missjunarji mill-Olanda, mill-Belgju u mill-Italja, mal-popolazzjonijiet ta’ dawn l-istess pajjiżi qal hekk għal Malta u l-missjunarji tagħha: “Imma hemm nazzjon ċkejken, Malta, li jokkupa t-tieni post wara l-Olanda: 228 fidili u 162 missjunarji. U Malta m’ għandhiex kolonji.” Mizzi kompla fuq Martire u qal li “In-numru tal-missjunarji Maltin hu ferm ikbar milli qal Martire… Fl-aħħar numru ta’ l-Annali ta’ Propaganda Fidei ta’ Ottubru 1934 aħna wrejna li l-missjunarji kuraġġużi Maltin kienu ċertament 255 jiġifieri 93 aktar minn kemm semma l-Onorevoli Martire.”
Ħadd ma jista’ jinnega l-asserzjonijiet ta’ Patri Anġ. Ghalkemm dan il-Kapuċċin kellu t-tendenza li jinġarr mill-entużjażmu fejn tidħol il-missjoni, hu bbaża kliemu fuq il-fatti. Fl-istess ħin Mons FX Bonnici, pijunier ieħor li ħadem ħafna għall-missjoni, kien jaħsibha mod ieħor fuq is-saċerdoti Maltin.
Ġa ngħad li Dun Ġużepp De Piro kellu ħafna kuntatt ma’ dan Bonniċi u preċiżament minħabba f’hekk kien qasam miegħu l-ħsieb dwar it-twaqqif tas-Soċjetà. Bonniċi ma tantx inkoraġġieh.
Hu diffiċli tgħid min kien korrett, jekk hux Mizzi jew Bonniċi. Forsi kienu t-tnejn. Jekk Mizzi kellu raġun jippreżenta l-ħeġġa tal-Maltin għall-missjoni, Bonniċi kellu wkoll raġun meta tkellem mis-saċerdoti Maltin bħala marbutin wisq ma’ art twelidhom. Meta wieħed kien jikkunsidra n-numru kbir ta’ saċerdoti reliġjużi u djoċesani u reliġjużi rġiel u nisa, wieħed ma kienx jista’ jgħid għajr li kien għad hemm ħafna xi jsir.
Din kienet is-sitwazzjoni li fiha Dun Ġużepp De Piro beda jaħdem biex iwaqqaf is-Soċjeta ta’ San Pawl.
Il-konnessjoni bejn l-ewwel u t-tieni skop tas-Socjetà kienet ċara għal De Piro: meta l-membri tas-Socjetà jidraw l-ewwel iħallu pajjiżhom biex jaħdmu fost l-emigranti, imbagħad ma jsibuhiex diffiċli biex imorru f’pajjiżi oħra u hemm iwettqu l-ħidma ad gentes; l-emigranti Maltin, jew it-tieni ħidma tas-Socjetà, kellhom iwasslu lill-membri għand “l-infidili”, l-iskop ewlieni. Il-Fundatur tant kien konvint minn dan il-proċess li hu baqa’ jsemmih kontinwament. Anke wara li fil-fatt waqqaf is-Soċjetà fit-30 ta’ Ġunju 1910, De Piro kien isemmi l-missjonijiet f’pajjiżi li kien għadhom mhux evanġelizzati u l-ħidma fost l-emigranti Maltin. Imma l-fatt innifsu li hu kien jippreżenta kontinwament l-iskop tas-Socjetà bħala magħmul minn żewġ ħidmiet differenti ħoloq għal De Piro ħafna problemi speċjalment ma’ l-Awtoritajiet Vatikani. Huma ma setgħux jifhmu eżattament x’ried De Piro mis-Socjetà tiegħu: jekk hux kongregazzjoni għall-missjonijiet ad gentes jew inkella għall-emigranti Maltin. Dan l-istess intopp wassal lill-Qaddej ta’ Alla biex juri b’mod dejjem aktar ċar il-fehma tiegħu. Hekk kiteb lil La Fontaine fit-30 ta’ Ġunju 1916: “Meta jien għedt ‘qabel kulħadd’, bl-ebda mod ma ridt nagħmel dik l-esklużjoni li fehmet is-Sagra Kongregazzjoni (tal-Evanġelizzazzjoni). J’Alla jseħħ li dan l-Istitut ċkejken ta’ Malta jkollu l-gieħ li jibgħat missjunarji qalb l-infidili, u fid-dinja kollha kemm hi! Imma, kif l-Eċċellenza tiegħek tifhem tajjeb, min-naħa tagħna nkunu qed nagħmluha ta’ prużuntużi żżejjed jekk biss nixxennqu għal dan. Barra minn hekk jien xtaqt li t-titlu ta’ l-Ordinazzjoni jkun dak tal-missjoni (dan kien iż-żmien meta Ġwanni Vella kien beda joqrob biex jiġi ordnat suddjaknu u mbagħad bħala l-ewwel saċerdot tas-Soċjetà) sabiex, fil-moħħ u l-qalb tal-membri żgħażagħ jien nonqox dejjem iżjed l-idea missjunarja. Inti, li taf xi ħaga fuq Malta, tifhem tajjeb kemm il-Malti hu marbut ma’ art twelidu. Inti tifhem ukoll li l-idea tal-missjonijiet barranin, billi ma ssibx fejn taqbad, ikollha bżonn titrawwem”.
La Fontaine rrispondieh kważi xahar wara. Tah diversi pariri siewja. De Piro ta każ ta’ dawn il-pariri fosthom li jikteb lill-Papa direttament. Fil-fatt il-Fundatur kiteb lil Benedittu XV fit-22 ta’ Awissu ta’ l-istess sena. Fost l-oħrajn De Piro qallu hekk lill-Papa: “…hu (De Piro) jissogra josserva, li meta jgħid ‘l-ewwel għall-Maltin’, hu ma jifhimx li jeskludi lil ħaddieħor, u għalkemm il-ħidma fost l-infidili hija ħidma mixtieqa mill-Istitut, fl-istess ħin iħoss li jekk isemmiha jkun qiegħed jażżarda wisq.”
Din l-istess ittra ta’ De Piro lil Benedettu XV kienet rakkomandata mill-Arċisqof Mawru Caruana. L-Eċċellenza Tiegħu ukoll wera li hu kien qiegħed jifhem li s-Soċjetà ta’ De Piro ma kellhiex il-ħsieb li teskludi l-pajjiżi ad gentes: “Waqt li naf bil-fatti il-ġid li qegħda tagħmel bħalissa l-Kumpanija ta’ San Pawl imwaqqfa sitt snin ilu fid-Djoċesi tiegħi u li tagħha l-fundatur u r-rettur preżenti hu Mons Dun Ġużepp De Piro, is-segretarju tiegħi, u għax ma niddubitax li fil-futur hi zġur għad tagħmel ħafna ġid fost il-Maltin imbegħda minn pajjiżhom u wkoll fost fidili oħra fejn għad tibgħathom is-Santa Sede …”
Kważi erba’ snin wara, f’April 1920, De Piro nnifsu mar Ruma ħalli jiltaqa’ personalment mal-Kardinal Van Rossum, il-Prefett tal-Kongregazzjoni Propaganda Fidei, u jitkellem miegħu direttament dwar l-għan ewlieni tas-Socjetà. Il-Fundatur ħassu li kien ippreżenta ħsiebu b’mod ċar. Fil-fatt, iżda, deher li kien baqa’ l-inċertezzi fil-moħħ tal-Ġerarkija Rumana. Tant hu hekk li fit-18 ta’ Awissu ta’ l-istess sena l-Qaddej ta’ Alla kiteb hekk lis-Segretarju ta’ Propaganda Fidei: “Forsi, meta kont Ruma, jien ma fissirtx lili nnifsi tajjeb, jew forsi ma fhimtx tajjeb il-ħsieb ta’ dik is-Sagra Kongregazzjoni… Jien kont fissirt li, billi jibdew mill-għajnuna spiritwali tal-Maltin barra minn arthom, ma kinux ser jeskludu l-konverżjonijiet ta’ l-infidili. Bidu bħal dan jista’ jgħin biex il-Maltin jinġibdu iżjed lejn dan l-Istitut li qiegħed jitwieled, u b’hekk ikollu saħħa akbar biex jintefa’ fuq ħidma f’pajjiżi infidili, meta jkun qawwi biżżejjed”.
Imma l-aktar mod li bih il-Fundatur ta prova ta’ kemm is-Soċjetà riedha li tkun primarjament ad gentes kien meta gie biex jibgħat l-ewwel membru barra minn Malta: fil-21 ta’ Ġunju 1927 il-Qaddej ta’ Alla, bagħat lil Fra Ġużepp Franġisku Caruana fil-missjoni ta’ l-Abbissinja. Il-Providenza laqqgħet lill-Fundatur ma’ Patri Anġ Mizzi, il-Kapuċċin li ġa ssemma f’dan il-ktejjeb. Dan Mizzi, fis-snin għoxrin u tletin tas-seklu l-ieħor, kien qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex jiġbed kemm jiflaħ Maltin lejn l-Abbissinja biex bihom jibda missjoni Maltija f’dak il-pajjiż. Patri Anġ kiteb lil De Piro eżattament għax kien jaf “ …bl-iskop missjunarju ta’ l-opra…” tal-Qaddej ta’ Alla. Il-Fundatur irrisponda lil Mizzi fil-5 ta’ April 1927. Din l-ittra tkompli turi l-ispirtu u l-ħeġġa missjunarji ta’ De Piro: “ Irċevejt l-ittra tiegħek tal-4 ta’ Marzu 1927 u apprezzajtha ħafna. Kif inti tlabt minn għandi jien irrid inkun ġeneruż miegħek. Nittama li nkun nista’ nibgħatlek missjunarju wieħed. Dan il-wieħed, jekk ikollu l-barka tal-Mulej fuqu, ma jonqosx li jiġbed oħrajn għal warajh. Int, min-naħa tiegħek qanqal lit-tfal ċkejknin tas-Somalja biex jitolbu. Irreġistra t-talb tagħhom fuq din il-formula li qiegħed nibgħatlek u agħmilli l-pjaċir li tibgħathieli lura. B’esperjenza personali ngħidlek li minn mindu qanqalt lit –tfal ċkejknin li huma milqugħin fl-istituti ta’ benefiċenza, iċ-ċkejkna opra missjunarja ssaħħet iżjed.
Ma nitlob xejn bħala ħlas għall-ħidma tal-persuna li sejjer nibgħatlek. J’Alla l-Mulej ibierek l-opra tagħna. Imma ma nistax nagħmel l-istess offerta għall-vjaġġ, għaliex l-opra tagħna għadha kemm twieldet. Li kieku din l-opra tiegħi m’ għadhiex daqshekk ċkejkna, kont inkun jien innifsi li nsieħeb lil dan l-ewwel wieħed li sejjer jitlaq. Il-miġja tiegħi fis-Somaliland kien ikollha mnejn tiswa biex timla oħrajn bil-kuraġġ.”
Il-proċess li xtaq isegwi Mons De Piro biex jevanġelizza barra minn xtutna, permezz tal-Kongregazzjoni tiegħu, kien għalih ċar hafna. Huwa ried li l-membri jibdew bil-ħidma fost l-emigranti Maltin, pastorali aktar faċli minn dik imwettqa f’pajjiżi ad gentes. Meta s-Socjetà tissaħħaħ allura tkun tista’ tasal anke f’artijiet li għandhom qatt ma jkun wasal il-Vanġelu.
Id-dedikazzjoni, il-ħeġġa, l-inizjattiva, l-imħabba u l-ġenerożità tal-Qaddej ta’ Alla għall-missjoni ma kinux iħalluh jikkuntenta biss bit-twaqqif u t-tkabbir tas-Socjetà missjunarja tiegħu. Fl-1922, biex ikun jista’ jdakkar kemm jiflaħ nies bl-ispirtu missjunarju, De Piro beda joħrog lil San Paul : Almanacc ta l’Istitut tal Missioni, annwarju li hu baqa’ jippubblikah sa ma miet. F’dawn il-paġni De Piro kien jippubblika siltiet minn diskorsi jew enċikliki tal-Papiet dwar il-missjoni. Ġieli ppreżenta xi mudell ta’ kuraġġ billi kiteb fil-qosor il-ħajja ta’ xi missjunarju Malti jew barrani. U kien hemm meta għamel xi eżortazzjoni liż-żgħażagħ, lill-ġenituri, lill-benefatturi u lill-qarrejja dwar il-vokazzjoni missjunarja jew l-għajnuna materjali li dawn kienu jistgħu joffru għall-ħidma missjunarja tal-Knisja.
Mons De Piro ma kienx waħdu wara l-missjoni li Fra Ġużepp kien qed iwettaq fl-Abbissinja. Miegħu ingħaqdet ommu. Din ipproponiet li jitwaqqaf il-Mużew tas-Somalja. Min-naħa tiegħu il-Qaddej ta’ Alla jidher li kiteb lil Mizzi dwar “Laboratorju Missjunarju”. Dan il-proġett kellu bħala presidenta lis-Sinjura Ursola, omm il-Fundatur, u magħha kellha xi nisa oħra. Bdew jissejħu “Dami tal-Laboratorju tas-Somalja”. Bdew jiltaqgħu fl-Istitut ta’ San Ġużepp, imma meta nfetħet id-Dar ta’ Sant’Agata l-laqgħat tagħhom bdew jagħmluhom hemm u bdew isejħu l-organizzazzjoni “Laboratorju Sant’Agata”. Għall-ewwel ma kinux jiltaqgħu regolarment imma wara ftit għażlu t-tielet Tnejn tax-xahar bħala l-ġurnata tal-laqgħa taghħom. Xogħolhom kien li jħejju l-ħafna bżonnijiet materjali li kienu jintalbu mill-Abbissinja u jibagħtuhom ġo kaxxi kbar lill-missjunarji.
Ġa għedna li meta fl-1905 il-Qaddej ta’ Alla, fid-Djarju tiegħu, kien qiegħed jippreżenta n-natura tas-Socjetà li kien qiegħed iwaqqaf, hu niżżel bi kliem ċar li l-membri kellhom ikunu pronti biex imorru kulfejn kien jindikalhom b’mod jew ieħor il-Mulej: “Il-Kelma tal-qaddis tagħna għandha tkun’Nimxi warajk kulfejn tmur’.” Daqs erba’ snin wara hu ħejja l-ewwel formula ta’ professjoni li kellhom jagħmlu l-membri futuri tal-Istitut tiegħu. Fost l-oħrajn hu niżżel li l-membru kellu jistqarr li, “L-għan tas-Socjetà hu li tifforma missjunarji u tibgħathom kulfejn ikun meħtieg.” Imma mill-paġni li għaddew wieħed ġa jista’ jara b’mod l-aktar ċar li l-Fundatur din il-verità kien igħixha hu nnifsu qabel kien jistenniha mill-membri tal-Kongregazzjoni tiegħu. Anke jekk nieħdu ż-żewġ għanijiet prinċipali tas-Soċjetà nistgħu naraw tajjeb kemm hu kien doċli, flessibli għall-Ispirtu ta’Alla: oriġinarjament kellu f’moħħu l-ħidma f’pajjiżi li kien għadhom mhux evanġelizzati, imma meta ċ-ċirkustanzi wrewh li kellu jagħti daqqa t’id lill-emigranti Maltin lil dawn daħħalhom sewwa fil-proġett tiegħu.
Fl-14 ta’ Novembru 1921 l-Arċisqof Mawru Caruana waqqaf kanonikament is-Soċjetà ta’ San Pawl bid-Digriet tiegħu Auctoritate Nostra Ordinaria. L-istess Arċisqof approva l-ewwel żewġ partijiet tal-Kostituzzjonijiet oriġinali fit-18 ta’ Marzu 1924, waqt li t-tielet u l-aħħar parti approvaha fil-5 ta’ Ottubru ta’ l-istess sena. Fit-tliet digrieti li ħareġ biex ta dawn l-approvazzjonijiet, l-Eċċellenza Tiegħu kull darba rrefera għal Mons De Piro bħala dak li waqqaf is-Soċjetà ta’ San Pawl. Il-fatt li kien il-Fundatur, ifisser li l-Qaddej ta’ Alla rċieva minn għand il-Mulej il-kariżma biex jista’ jara u jinterpreta b’mod uniku l-qagħda tal-Knisja ta’ żmienu, Knisja li kellha tinfirex aktar fid-dinja ħalli tħabbar lil aktar bnedmin l-imħabba ta’ Alla.
.Jidher li l-qalba ta’ l-ambjent għat-tkabbir ta’ l-ispirtu missjunarju f’De Piro kienet l-esperjenza ta’ l-imħabba ta’ Alla għalih. Meta bħala żagħżugħ kien qiegħed itella’ u jniżżel dwar il-vokazzjoni tiegħu, hu kiteb tnax-il raġuni għax kellu jingħata lil Alla fis-saċerdozju. Waħda minnhom kienet li, “Alla bata bosta għad-dnubiet tiegħi”. Iż-żmien għadda imma l-esperjenza ta’ mħabbet Alla għalih baqgħet ħajja fih. Fl-1924 kiteb hekk fl-Almanakk li kien jippublika kull sena: “…Ġesu li xerred id-demm … tiegħu u saħansitra ħalla ħajtu fuq is-salib għall-imħabba ta’ l-ulied tiegħu”. Fil-priedki ta’ spiss kien isemmi l-imħabba ta’ Alla għall-bniedem … u dan midneb.
Din l-imħabba ta’ Alla għal De Piro kabbret il-fidi u t-tama tiegħu f’Alla. Fil-bidu tas-1898, Alessandro, missieru, miet waqt li kien qiegħed ma’ martu għal btala fl-Italja. Kellu biss 49 sena. Ħalla warajh lil martu armla u disa’ wliedu orfni. Qrib it-tmiem ta’ dik l-istess sena, u propju tliet xhur wara li kien wasal Ruma biex jibda l-Filosofija, Ġużeppi kiteb lil ommu dwar id-diżgrazzja li kienet messithom dik is-sena bħala familja: “Skond kif niġġudikaw aħna, is-sena li għaddiet kienet għalina waħda ta’ xorti ħażina. Ngħid li skond kif narawha aħna, għaliex Alla ma jagħmel xejn li ma jkunx perfett, u l-għemejjel tiegħu ma jistgħux ma jkunux tajbin ħafna. F’dik l-okkażjoni kellna faraġ tant kbir b’mod li ngħid, bla biża li niżbalja, li l-konsolazzjoni li ġarrabna kienet akbar min-niket ta’ l-isfortuna”. Sa minn meta kien għadu seminarista Ruma huwa kien wera lill-Isqof Pace li wara li jqaddes hu kien jixtieq li jirrintorna Malta u jgħix fl-Istitut ta’ San Ġużepp, għax kien jiġi x’igħidlu li minn dak l-Istitut kellha tinbeda Socjetà taħt il-patroċinju ta’ San Pawl. Dan kollu kellu jissagrifikah għax inħakem mill-mard u flok ma rritorna Malta kellu jmur għal tmintax-il xahar f’Davos, l-Isvizzera. Anke hemmhekk Dun Ġużepp għex il-fidi u t-tama tiegħu fil-Mulej. Ma seta’ jagħmel xejn dwar is-Soċjetà, imma jitlob seta’. U dan għamlu bis-sħiħ.
L-imħabba ta’ Alla għal De Piro ġġenerat ukoll l-imħabba tiegħu għall-Mulej. F’waħda mill-priedki tiegħu hu joħrog talba sabiħa lil Alla. Fost l-oħrajn igħidlu hekk: “Agħmel li t-talba tagħna tkun bħal innu ta’ gratitudni għal tant benefiċċji li aħna rċevejna”. Fl-Almanakk tal-1924 jiktbilhom hekk lill-qarrejja: “Teżor fuq it-teżori mbagħad hi l-karità, is-sultana tal-virtujiet, il-milja tal-perfezzjoni, Alla nnifsu … L-ewwel u l-aqwa dmir tal-bniedem hu li jħobb lil Alla Sidna l-ewwel u fuq kollox, għaliex li aħna u li għandna nafuh lilu waħdu, u ġejna maħluqin sewwa sew biex inħobbu lilu”.
Imma skond il-Mulej innifsu l-imħabba lejh ma tikkonsistix fid-diskors; li tagħmel ir-rieda tiegħu hi l-aqwa xhieda ta’ l-imħabba tal-bniedem għal Alla. De Piro kien għadu fl-ewwel sena ta’ studju f’Ruma. Jidher li oħtu Tereżina bagħtitlu xi ittra fejn awguratlu suċċessi fl-istudji tiegħu. Ġużeppi jirrispondiha f’ittra li hu bagħat lil ommu. Lil din ta’ l-aħħar igħidilha: “Nosserva ‘l Teresina biex ma toqgħodx tagħmilli ċerti awguri b’tant serjetà. Hemm awgurju wieħed li jien naċċettah bil-qalb. Dan hu li jien nagħraf ir-rieda ta’ Alla, u nagħmilha b’mod perfett. Dan għalija jkun biżżejjed”. Fl-1933 ħeġġeġ il-qarrejja ta’ l-Almanakk billi qalilhom: “…nerfgħu għajnejna lejn is-sema, naduraw il-ġudizzji ta’ Alla li aħna ma nifhmux…”.
Il-Qaddej ta’ Alla mhux biss kien igħix ir-rieda tal-Mulej. Hu kien iwettaqha b’kuraġġ, qawwa, u saħħa interna. De Piro sa minn meta kien seminarista Ruma kien juri biċ-ċar li fiżikament ma kienx ta’ saħħa kbira. Kellu jitlob lill-Isqof Paċe biex jippermettilu jordna saċerdot f’nofs it-tielet sena Teoloġija. Imma d-determinazzjoni li wera waqt it-twettiq tal-ministeri tiegħu kienet xi ħaġa fenomenali. Altru li ried ikollu saħħa ġewwinija kbira biex fl-istess ħin, u waqt li jaffaċċja bosta diffikultajiet, il-Qaddej ta’ Alla jmexxi sitt istituti ta’ karità, jagħmilha ta’ segretarju tal-Arċisqof Caruana, ikun Rettur tas-Seminarju Maġġuri, jagħti sehmu fil-ħajja politika ta’ pajjiżna, u joħlom, jippjana, u anke jagħti bidu għas-Socjetà Missjunarja tagħna! Dwar il-qawwa li wera l-Fundatur fit-twaqqif u t-tkabbir tas-Socjetà, Patri Alexander Bonnici OFM Conv., jikteb hekk fl-ewwel volum tal-ħajja ta’ De Piro: “Il-ħajja tiegħu hi xhieda li Alla nebbħu biex iwaqqaf Socjetà. Imma, meta sar ċert minn dan, l-ebda parir kuntrarju u lanqas it-tkasbir ta’ dawk li ma fehmuhx ma kellhom il-ħila jreġġgħuh lura jew jaqtgħulu qalbu…”.
Imma mhux biss! Meta wieħed jistudja kitbietu wieħed jara biċ-ċar li Ġużeppi De Piro, għalkemm bosta drabi kien ikollu jaffaċċja diffikultajiet kbar, hu kien jagħmel dak li kien irid Alla minnu bil-kalma, fil-paċi … u waqt li kien igawdi s-serenità u l-paċi tal-qalb. Dan kollu enfasizzawh diversi persuni li kienu jafuh direttament.
Dan kollu l-Qaddej ta’ Alla kien jgħixu bl-umiltà; De Piro kien konvint li kulma kien, kulma kellu, u kulma kien jagħmel kien kollu ġej mill-Mulej. Il-Kostituzzjonijiet tas-Soċjetà bdihom bil-kliem ta’ Salm 126: “Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar għalxejn jitħabtu l-bennejja…”. Fl-1916 kien hemm fl-Awstralja ċertu Fr William Bonett. Dan kiteb lil De Piro u talbu jara kienx hemm xi saċerdoti Maltin imħajrin li jmorru jaħdmu f’dan il-pajjiz. Fost l-oħrajn il-Fundatur irrispondieh hekk lil Bonett: “Fil-quddiesa tiegħek tinsiex tiftakar ftit f’dan l-Isititut tagħna li qiegħed jitwieled … Għalhekk għinna bit-talb tiegħek …”. Fil-21 ta’ Frar 1933 il-Qaddej ta’ Alla, li kien rappresentant tal-kleru fis-Senat, għamel l-uniku intervent tiegħu quddiem id-deputati. Dan kien dwar il-moralità publika. Wara ta r-rapport tiegħu lil sħabu l-Monsinjuri. Lil dawn ta’ l-aħħar qalilhom hekk fost l-oħrajn, “…jien ngħidilkom li f’dik il-lejla ħassejt tassew li Alla kien qiegħed jagħtini l-għajnuna tiegħu”.
Propju minħabba f’hekk De Piro kien mimli entużjażmu biex jagħmel lill-Mulej magħruf minn ħaddieħor. Kien kontinwament iħeġġeġ lill-membri tas-Socjetà biex, “Nagħtu lill-oħrajn dak li San Pawl ta lilna”. Fil-fatt hu kien jinqeda b’kull mezz biex ixandar l-aħbar it-tajba; kitba, priedki … u ovvjament bit-twaqqif u t-tkabbir tas-Socjetà Missjunarja tiegħu. “Fl-aħħar ta’ ħajjitna jkun ta’ sodisfazzjon … għalina li nkunu nistgħu ngħidu,’Jien ħdimt mhux biss biex insalva ruħi, iżda wkoll biex ngħarraf lil ħaddieħor lil Sidna Ġesu’ Kristu’”, kiteb fl-Almanakk tal-1932. Sena wara kiteb kliem daqshekk ieħor qawwi: “Biex inkunu nafu jekk f’qalbna hix tgħammar l-imħabba ta’ Alla, ma għandniex nagħmlu ħaga oħra ħlief nidħlu daħla fina nfusna u naraw jekk għandniex ix-xewqa li l-isem tiegħu jiġi magħruf ma’ kullimkien”.
Issa li qrajt dan kollu
Inti tixtieq takkwista z-zewg volumi tal-Hajja tal-Qaddej ta’ Alla, Guzeppi De Piro, niktuba minn Patri Alexander Bonnici OFM Conv? |
Inti tixtieq li ahna l-MSSPs ninghaqdu mieghek halli flimkien mieghek nitolbu ghal xi grazzja li inti ghandek bzonn taqta minn ghand il-Mulej, bl-intercessjoni ta’ Mons De Piro? |
Jew forsi ga qlajt dak li tlabt? |
Jekk iva, ikteb lil xi wiehed minn dawn ta’ hawn taht :
Il-Postulatur Kawza De Piro Dar Sant’Agata Rabat Malta RBT07
|
Is-Superjur Provincial House 477 Royal Parade Parkville Vic 3052 Australia
|
Is-Superjur St Paul The Apostle Church 3224 Dunbdas Steet West Toronto Ontario M6P 2A3 Canada |